Jisraq 3 arloġġi u f’pussess tad-droga; 18-il xahar ħabs u €100 multa

Raġel ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs u weħel multa ta’ €100 wara li nstab ħati li seraq tliet arloġġi u li kien fil-pussess tad-droga kokaina. F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, il-Maġistrat sostna li persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu f’Malta u jwettqu reat għandhom jiġu ddeportati.

Ir-raġel Mohammed Samer, Sirjan ta’ 49 sena, kien ġie arrestat f’Ottubru 2018, meta l-Pulizija rċiviet rapport minn lukanda f’Għajnsielem. Samer kien ġie arrestat u ammetta fid-dikjarazzjoni li għamel mal-Pulizija li kien daħal f’kamra ta’ lukanda bil-ħsieb li jsib id-droga kokaina wara li allegatament huwa kien ġab l-istess droga lill-persuna li kienet fil-kamra l-ġurnata ta’ qabel.

Il-vittma kienet qalet mal-Pulizija li Samer kien seraqlu l-arloġġi kollha, wara li l-Pulizija sabu lill-vittma mal-art bid-demm.

Samer kien irritorna lura l-arloġġi u l-flus lill-vittma, filwaqt li l-Pulizija investigaw il-vittma għall-allegat pussess tad-droga. Mill-investigazzjoni tagħhom il-Pulizija sabu li din kienet gidba.

Wara li l-Qorti semgħet ix-xhieda fil-konfront tal-akkużat, il-Maġistrat Mifsud sab li r-raġel li huwa wkoll reċediv, huwa ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Il-Maġistrat Mifsud appella lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex ma jżommx lura milli jibgħat lura persuni li jwettqu reati gravi, u ordna biex r-raġel jintbgħat lura lejn l-Italja fejn għex wara li jiskonta s-sentenza.

Il-Qorti bagħtet lir-raġel 18-il xahar ħabs filwaqt li weħel multa ta’ €100 kif ukoll ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.