Jisplodi l-prezz tal-vanilla

It-togħma tal-ġelat favorita għal ħafna, dak bit-togħma tal-vanilla, jista’ jkun taħt theddida. Dan wara li ċiklun qawwi laqat l-akbar produttur fid-dinja, il-Madagaskar, biex fl-aħħar ġimgat, ra l-prezz ta’ dan il-prodott imfittex jitla’ b’aktar minn 10 darbiet, għal $600 l-kilo.
Dan wassal biex numru ta’ ditti kbar tal-ġelati jgħollu l-prezzijiet tagħhom għal din it-togħma, b’oħrajn saħansitra jneħħuħ mill-menu tagħhom. Iċ-ċiklun Enawo, li wassal biex aktar minn nofs miljun persuna jkollhom jabbandunaw darhom, laqat il-kosta tal-Lvant tal-gżira Afrikana f’Marzu – u huwa turija tar-riskji kumerċjali meta pajjiż wieħed ikun dominanti fil-produzzjoni ta’ kumdità partikolari.
Il-kumpanija Nestle, filwaqt li qalet li tipprova tevita żidiet fil-prezzijiet u tħallihom bħala l-aħħar soluzzjoni, ikkonfermat li kellha tgħolli l-prezz tal-ġelati tagħha b’2.5%.
Qabel dan iċ-ċiklun laqat il-Madagaskar, is-suq tal-prodotti agrikoli kien qed jistenna li dan il-pajjiż se jipproduċi 30% aktar mis-sena ta’ qabel. B’hekk l-impatt fuq is-suq kien aktar sostanzjali. Barra mill-impatt taċ-ċiklun, ammont kbir ta’ serq ta’ pjanti laqat il-pajjiż, li kompla tefa’ aktar pressjoni fuq il-prezz ta’ dan il-prodott tant popolari fost persuni ta’ kull età.
Samsung se tipproduċi l-mediċini
Il-grupp Sud Korean Samsung ħabbar li se jidħol fis-settur tal-produzzjoni tal-mediċini oriġinali, f’deċiżjoni meqjusa bħala avventuruża b’konsiderazzjoni tar-riskji li jġib miegħu dan is-settur. Samsung, permezz tas-sussidjarja biofarmaċewtika tagħha Samsung Bioepis,  se tkun qed tidħol fi proġett konġunt ma’ Takeda Pharmaceutical tal-Ġappun biex jiżviluppaw mediċini li jistgħu jikkuraw mard rari, bħal pankreatite akuta.
S’issa, Samsung kienet tiffoka fuq il-ħolqien ta’ mediċini magħrufa bħala “biosimili”, jiġifieri mediċini li jkunu simili ħafna għal mediċini eżistenti li jkunu tilfu l-esklussività kummerċjali, u li allura jinbiegħu bi prezzijiet ferm irħas minn dawk oriġinali.
Is-suq tal-mediċini oriġinali mhux wieħed faċli minħabba numru ta’ ostakli tekniċi, regolatorji u legali li jfissru spejjeż kbar. Hu kkalkulat li hija biss mediċina waħda minn kull 10 jgħaddu mit-testijiet kliniċi u l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Madankollu, il-potenzjal huwa enormi. Skont riċerka riċenti, il-bejgħ ta’ mediċini bir-riċetta qed jiżdied b’aktar minn 6% kull sena madwar id-dinja, u sal-2021, hu mistenni li s-suq jilħaq il-valur enormi ta’ triljun dollaru.
Min-naħa tagħha, Takeda, hija l-akbar kumpanija farmaċewtika fil-Ġappun f’termini ta’ dħul, minkejja li l-profitt tagħha ma jlaħħaqx dak tar-rivali Astellas. Filwaqt li fi snin riċenti Takeda ma ħarġet ebda mediċini ta’ rilevanza fis-suq, din is-sena hija akkwistat il-kumpanija Amerikana Ariad Pharmaceuticals, li hija magħrufa għal mediċini kontra l-kanċer. Takeda investiet aktar minn $5 biljun biex ħadet pussess ta’ Ariad.
Il-Litwanja tixtri l-gass mill-Amerika
Il-Litwanja sar l-ewwel pajjiż eks Sovjetiku li se jkun qed jixtri l-gass naturali mill-Istati Uniti. Dan tħabbar mill-kumpanija statali tal-gass Lietuvos Duju Tiekimas (LDT) li fl-aħħar jiem iffirmat ftehim biex tixtri l-gas naturali f’forma likwida (LNG) direttament mill-Istati Uniti. LDT ħabbret ukoll li kienet qed tistenna li tirċievi l-ewwel kunsinna fil-ġranet li ġejjin.
Dan il-ftehim ġie ffirmat ma’ Cheniere Energy u huwa parti mill-isforzi tal-Litwanja li tiddiversifika l-provvista ta’ gass tagħha u tnaqqas id-dipendenza fuq il-kumpanija Russa Gazprom. L-istess Cheniere Energy din is-sena laħqet ftehim ukoll mal-kumpanija tal-Istat tal-Polonja, kif ukoll ma’ kumpaniji privati fir-Renju Unit, l-Italja u l-Olanda.
Fil-parti l-kbira, il-ftehimiet li tidħol għalihom Cheniere huma fuq bażi ta’ medda twila ta’ żmien, għalkemm għandha numru ta’ cargos destinati għal xiri ta’ gass imsejjaħ bħala spot ­– ta’ dak il-ħin.
Il-Litwanja diġà kienet bdiet tiddiversifika l-akkwisti tagħha ta’ gass bi ftehim ma’ kumpanija Norveġiża, iżda l-fatt li issa qed tħares lejn l-Istati Uniti hija teħid ta’ pożizzjoni politika ċara, li tkompli tbiegħed lil-Litwanja mill-isfera Russa, mossa li jidher li ttieħdet wara d-deċiżjoni tal-President Putin jimplimenta politika aggressiva u li jinvadi r-reġjun Ukren tal-Krimea.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.