“Jisplodu l-appuntamenti għas-swab tests; nappellaw għall-paċenzja”

Il-Kap tat-Taqsima tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, Dr Tanya Melillo appellat lill-pubbliku biex ikun paċenzjuż u jifhem li hemm lista ta’ stennija għall-iswab tests, hekk kif ammont kbir ta’ nies qed iċemplu biex jagħmlu t-test.

Waqt Newsbook Q&A, Dr Melillo aċċertat li qed jagħmlu ħilithom kollha biex jaqdu lil kulħadd fl-iqsar żmien possibbli. “Jekk iċċempel illum għandek xi jiem tistenna. Qed nippruvaw indaħħlu kemm nistgħu nies kuljum. Kulħadd irid jieħu paċenzja minħabba irresponsabbiltà ta’ min mar jiddeverti. Is-swabbers qed jaħdmu bla waqfien bejn it-8am u t-8pm, lebsin ilbies protettiv fil-qilla tax-xemx”, żiedet tgħid.

Dr Melillo semmiet ukoll li ħafna nies mhux jirnexxielhom jaqbdu mill-ewwel, għax qed ikun hemm ħafna telefonati f’daqqa. Spjegat li jkun hemm “xi 100 jċemplu l-istess numru fl-istess ħin”.  Fil-jiem li għaddew, qarrejja ta’ Newsbook.com.mt qalu li kienu ilhom aktar minn ġurnata jippruvaw jaqbdu mal-111 biex jagħmlu appuntament għall-iswab test.

“Kull persuna jkollha kuntatt ma’ bejn 50 u 100 persuna”

Il-konsulent għas-Saħħa Pubblika fissret kif għall-party li sar f’lukanda f’San Ġiljan attendew mat-800 persuna u li fi tlett ijiem kellhom xi 400 telefonata għal appuntament. Kompliet tispjega li kull persuna jkollha kuntatt ma’ bejn 50 u 100 persuna, “u għalhekk in-numri splodew biex in-nies imorru jagħmlu t-test”. Appellat mill-ġdid għal paċenzja sakemm ikun imisshom għat-test.

Dr Melillo fissret li l-agħar f’din is-sitwazzjoni hi li ż-żgħażagħ li marru l-parties u rriżultaw pożittiv għall-Covid-19 iridu jagħmlu kwarantina. “Mhux huma biss, imma kull min jgħix id-dar magħhom jispiċċaw kwarantina”. Saħqet li dan kollu hu tort ta’ “nies irresponsabbli, li kellhom is-sintomi u marru x-xogħol ġimgħa sħiħa. Kien hemm saħansitra li kellu s-sintomi u marru jaraw lin-nanniet l-isptar”.  Enfasizzat li min imur jiddeverti mhux qed jaħseb f’nies oħrajn, li huma vulnerabbli u li jekk ilaqqtu l-virus jista’ jkollhom riperkussjonijiet serji.

Appuntament għal 11-il jum ieħor

Newsbook.com.mt hu infurmat li persuna li ċemplet illum il-Ġimgħa, ingħatat appuntament għall-11 ta’ Awwissu. Din il-persuna kellha kuntatt ma’ persuna li attendiet party il-Ħadd li għada. L-uffiċjali tas-saħħa qalulha li ladarba m’għandhiex sintomi m’hemmx bżonn tagħmel kwarantina. Madanakollu saħqu li jekk joħorġulha s-sintomi terġa’ ċċempel 111 biex jagħtuha appuntament qabel.

Persuni oħra li kienu l-party tal-Ħadd ingħataw l-istess data wkoll. Madanakollu dawk li għandhom is-sintomi ssejħu biex imorru l-Isptar Mater Dei biex isirilhom it-test illum.

“Agħtu kas l-informazzjoni li toħroġ b’mod uffiċjali”

Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Tanya Melillo saħqet dwar l-importanza li l-pubbliku jagħti kas biss l-informazzjoni li toħroġ uffiċjalment. Fissret li mhux prudenti li persuni jċemplu għal swab test minħabba allarm fuq il-mezzi soċjali, u li mhux ġust li dawk li ġenwinament ikollhom bżonn jagħmlu t-test jispiċċaw idumu jistennew minħabba l-lista ta’ stennija.

Dwar is-swab tests Dr Melillo qalet li għalkemm it-test mhux pjaċevoli, jieħu veru ftit ħin.

L-intervista sħiħa ma’ Dr Tanya Melillo:
Dħalna fil-fażi tat-tieni mewġa tal-pandemija tal-coronavirus?