Jispiċċaw kollha l-biljetti li nħarġu llum għall-Eurovision

Ritratt: NPO

Illum f’nofsinhar inħareġ it-tieni sett ta’ biljetti għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eurovision Song Contest li se jsir f’Rotterdam fin-Netherlands bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju.

F’temp ta’ ftit ħin ġie rrappurtat li l-biljetti li kien hemm għall-bejgħ illum inħatfu mill-ewwel minn ħafna li qed jippjanaw li jmorru u jgawdu mill-ispettaklu li se jkun qed jittella’ din is-sena.

Qed jingħad li dawn il-biljetti nbiegħu fi ftit inqas minn siegħa u nofs minn x’ħin inħarġu għall-bejgħ. Dan ir-rispons kien mistenni peress li nhar it-Tlieta saret it-tluq bil-polza biex jiġi determinat f’liema semifinali kull pajjiż parteċipant jieħu sehem.

Dawk li forsi baqgħu diżappuntati għax s’issa ma laħqux biljetti iridu issa jittamaw li jilħqu biljett meta jinħareġ it-tielet sett ta’ biljetti fl-aħħar ta’ Marzu permezz tas-sit tickets.songfestival.nl

B’kollox ikun hemm għall-bejgħ biljetti għal disà shows, tlieta li naraw fuq it-televiżjoni, kif ukoll it-tlett jury shows, kif ukoll tlett family shows li jittellgħu fil-ħin ta’ wara nofsinhar fl-istess jum li jkun se jittella’ x-xow proprju.