“Jispiċċaw jidħlu fil-prostituzzjoni bla ma jridu” – social support worker

Romina Lopez, li hi social support worker f’Dar Hosea, ċentru li jilqa’ lin-nisa li jaħdmu fil-prostituzzjoni, qalet li l-esperjenza tagħha taħdem mal-prostituti wasslitha għall-konklużjoni li ħafna nisa ma jidħlux fil-prostituzzjoni minn jeddhom, imma jiddaħħlu f’dan l-istil ta’ ħajja bla ma jridu.

Lopez kienet qed titkellem ma’ Universe of Faith, sit amministrat mill-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Hija rrakkuntat esperjenza ta’ prostituta li qaltilha li kienet tibki kull darba li kien imissha hi, għax dan kien l-uniku mod kif setgħet taqla’ lira.

Newsbook.com.mt qed jippubblika t-tieni parti tal-intervista fid-dawl tal-proċess tal-konsultazzjoni fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni li l-Gvern għandu jniedi din is-sena.

Permess? X’permess hu?

Lopez qalet li ħafna jduru għall-prostituzzjoni minħabba problemi finanzjarji ddisprati, minħabba l-vizzju tagħhom ta’ droga, jew dejn, jew b’biża’ minn min iħaddimhom jew minn għarushom. Hija qalet li dawn ir-realtajiet ħorox ineħħu kull fiduċja li l-mara jew it-tfajla tagħti permess fil-prostituzzjoni.

Qalet ukoll li ħafna nisa f’dan is-settur jiġu sfurzati jidħlu fih minn età żgħira, x’aktarx fl-adolexxenza tagħhom. Jibdew jipprostitwixxu ruħhom meta jkollhom bejn 12 u 14-il sena normalment.

Lopez qalet li ħafna drabi, prostituta jkollha stima baxxa tagħha nnifisha. B’riżultat ta’ dan, sikwit tispiċċa tbati minn xi vizzju, pereżempju t’alkoħol, jew ta’ xi sustanza. Ħafna drabi tkun involuta f’relazzjoni ħażina, b’għarus li aktar jisfruttaha u jieħu vantaġġ minnha.

Esperjenzi qarsa mit-tfulija

Hi u titkellem mill-esperjenza tagħha ma’ diversi prostituti, Lopez qalet li ħafna min-nisa fil-prostituzzjoni jkunu għaddew minn esperjenzi ħorox immens fi tfulithom, ta’ inkwiet emozzjonali u anke fiżiku, pereżempju abbuż sesswali jew nuqqas ta’ atteġġjament emozzjonali mill-ġenituri. Lopez spjegat li trawmi bħal dawn iġiegħlu lill-mara tingħalaq fiha nfisha u ma titkellimx fuq il-problemi tagħha. Dawn it-trawmi jibqgħu jaffettwawha anke bħala żagħżugħa u bħala adulta.

Il-prostituzzjoni xogħol bħall-oħrajn?

Lopez temmen li jekk tirreferi għall-prostituzzjoni bħala xogħol ta’ sess, tkun qed tgħatti r-realtà tal-prostituzzjoni u tal-ħsara li tagħmel, anke mil-lat ta’ sessiżmu.

Dar Hosea

Dar Hosea huwa post ta’ mistrieħ u sapport li joffri ikel, ilma, ħwejjeġ u kenn, flimkien ma’ sapport morali, mediku u legali. Il-mara ma tiġi mistoqsija xejn u ma tintalabx tbiddel ħajjitha, għalkemm xi wħud jiddeċiedu li jagħmlu dan minn jeddhom. Dar Hosea hu proġett tal-Assoċjazzjoni Ħbieb ta’ Thouret.

L-artiklu sħiħ tista’ tarah fuq is-sit elettroniku ta’ Universe Of Faith.