Jispiċċa l-qorti wara li seraq fliexken tal-fwieħa

Raġel li nqabad fil-fatt minn CCTV kamera jisraq fwieħa tal-irġiel minn ħanut fl-Imsida ingħata sentejn probation. Il-filmat tar-raġel li għandu 44 sena u li jgħix l-Imsida spiċċa jdur fuq il-midja soċjali. Dan juri lir-raġel jidħol fil-ħanut, jieħu fliexken tal-fwieħa u jpoġġihom fil-but tal-ġakketta.

Il-qorti sehmat kif l-akkużat seraq żewġ fliexken tal-fwieħa. Wieħed tad-ditta CR7 tal-100ml u ieħor ta’ Ferrari Scuderia tal-75ml. Flimkien il-fliexken ma jammontawx għal aktar minn €80. L-akkużat li ġie akkużat ukoll li kien riċediv, wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Ta’ dan il-qorti ordnat li jitpoġġa sentejn taħt probation. Il-qorti spjegat li kull sitt xhur se jingħata rapport dwar l-imġieba tal-akkużat u jekk jerġa’ jmur kontra l-liġi se jispiċċa lura quddiem il-qorti u jista’ jeħel sa massimu ta’ 9 xhur ħabs minħabba għemilu.