Jispiċċa l-qorti għax segwa l-eks mara kull fejn marret

Luke Zerafa

Raġel ta’ 49 sena li allegatament itterrorizza lill-eks sieħba tiegħu ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Allegatament hu kien imur kull fejn kienet tmur hi mingħajr ma jgħidilha.

Ir-raġel li joqod Ħal Balzan u li hu mill-Eġittu qed jiġi akkużat li mexa wara l-eks sieħba tiegħu, ipproduċa evidenza falza, uża vjolenza morali biex jipprova jiżola l-mara, ta’ fastidju lilha u lill-familja, heddidha, u uża b’mod ħażin tagħmir elettroniku biex jikkomunika magħha. Il-mara kif ukoll il-familja spiċċaw jgħixu fil-biża.

Hu ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi u mar kontra l-ordni ta’ protezzjoni li nħarġet mill-Qorti tal-Familja.

L-ispettur spjega kif dan kien wieħed mill-agħar każijiet li qatt ra tax-xorta tiegħu. Qal li kull fejn kienet tmur il-mara flimkien mal-familja, kienu jsibuh hemm. Il-pulizija kellha diġà numru ta’ rapporti dwar każi differenti. Ir-raġel mar warajhom ukoll meta rriservaw kamra f’lukanda. L-ispettur qal li r-raġel bagħat theddid, inkluż theddid li joqtolha fuq il-mowbajl tagħha. Eventwalment il-mara spiċċat marret toqgħod Dar Merħba Bik u anka hemm sabet lill-Egizzjan ma’ wiċċha. Wara dan kollu, l-ispettur spjega kif ma setgħux jagħtu aktar żmien u arrestawh.

L-akkużat wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat din it-talba minħabba prinċiparjament in-natura serja tal-akkużi. Iżda l-avukat difensur tar-raġel qal li r-raġel hu ta’ min jafdah u li kien hemm raġunijiet sinstriċi wara r-rapport tal-mara. Hu qal li r-raġel ilu jgħix Malta għal 20 sena u m’hemmx biża’ li se jaħrab.

Il-qofol tal-problema inħolqot wara li l-allegata vittma ma ħallietx lill-akkużat jara lit-tfal għal erba’ xhur. Il-fatt li l-allegata vittma sabet lill-akkużat fl-istess lukanda li kienet marret hi kien sempliċiment koinċidenza qal l-avukat tad-difiża. Hu spjega kif ir-raġel kellu dritt imur fejn irid. Hu ċaħad li l-klijent tiegħu kellu x’jaqsam ma’ xi messaġġi ta’ theddid.

L-avukat li dehret għall-vittma qalet li ma kienx minnu li l-mara ma kinitx qed tħalli lill-akkużat jara lit-tfal. Kienet il-qorti li rristrinġiet l-aċċess biex jarhom. Hi qalet li l-klijenta tagħha spiċċat litteralment maqfula fid-dar.

Il-maġistrat ċaħdet il-ħelsien mill-arrest għax spjegat li hemm il-biża’ li jsir xi tbagħbis fil-provi u minħabba n-natura tal-allegazzjonijiet.