​Jispiċċa l-Qorti għax kien ossessjonat fuq mara

Raġel ta’ 29 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat b’ossessjoni ta’ erba’ snin fuq mara li ltaqa’ magħha biss darbtejn.
Huwa kien mixli wkoll  b’użu ħażin ta’ apparat elettroniku.
Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri nstema’ kif minkejja li l-avvanzi romantiċi tiegħu ġew irrifjutati mill-mara, kien imur fuq il-post tax-xogħol tagħha u jċemplilha kontinwament.
Għal xi żmien, l-akkużat kien jingħata kura għall-problemi psikjatriċi fl-Isptar Monte Karmeli, iżda meta nħareġ reġa’ beda jsegwi lil mara, sakemm ċemplet lill-Pulizija.
Ir-raġel bħalissa qed jingħata l-kura. Il-Qorti ordnatlu biex iżomm ‘il bogħod mill-mara. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.