​Jispiċċa l-istrajk tal-ekwipaġġ tal-Air Malta

L-azzjonijiet industrijali li kienu ġew ordnati mill-Union of Cabin Crew (UCC) intemmu b’effett immedjat.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li ntlaħaq ftehim bejn l-Air Malta, il-UCC, u l-General Workers Union (GWU) dwar il-kwistjonijiet pendenti li kien hemm bejniethom.
B’riżultat ta’ dan, il-kumpanija qalet li l-azzjonijiet industrijali kollha meħuda mill-Unions ġew sospiżi u t-titjiriet tal-linji tal-ajru reġgħu lura għan-normal.
Il-linja tal-ajru rringrazzjat lill-partijiet kollha involuti sabiex intlaħaq dan il-ftehim fl-aħjar interess tal-linja tal-ajru, l-impjegati tagħha, il-klijenti u l-pajjiż in ġenerali.
GTA
Aktar kmieni dalgħodu l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) qalet li filwaqt li tifhem it-tħassib tal-UCC, qalet li l-azzjoni industrijali li ttieħdet saret f’ħin sensittiv. Il-GTA stqarret li l-konsegwenzi ta’ dan jistgħu jinħassu f’Għawdex.