Jispiċċa l-ħabs għax ma kellux biex jaqbad tal-linja

Raġel ta’ 29 sena, li m’għandux biżżejjed biex jgħix, inżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 
Dan wara li falla milli jmur l-għassa jiffirma għax ma kellux flus biżżejjed biex jaqbad tal-linja. 
Ir-raġel, minn Bormla kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Awwissu tal-2017 bil-kundizzjoni li jmur jiffirma kuljum l-għassa ta’ Birkirkara.
Il-Pulizija ressqitu l-Qorti hekk kif kemm fl-20 ta’ Marzu, kif ukoll fix-xhur ta’ qabel kien naqas milli jiffirma. Fil-Qorti ġie spjegat li kien hemm diversi ġranet oħrajn li naqas milli jiffirma però ppreżenta ċertifikat mediku.
Spjegat ukoll li l-imputat stqarr mal-Pulizija li waqa’ f’dipressjoni kif ukoll li ma setax imur jiffirma l-għassa ta’ Birkirkara għax ma kellux flus biex jagħmel dan.
Il-Pulizija għamlu żmien isegwu lir-raġel iżda xi jiem ilu tilfu l-kuntatt. Madanakollu eventwalment instab Għawdex fi tmiem il-ġimgħa l-oħra.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti. Għaldaqstant il-Qorti talbet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jassigura li d-dipressjoni tal-imputat tkun indirizzata.