Jispiċċa l-G7: Trump jiffirma d-dokument finali u mbagħad jagħmel U-turn

Hekk kif fil-Kanada spiċċa l-44 summit tal-G7, il-pajjiżi mexxejja ma laħqu ftehim kważi fuq xejn, ħlief fuq id-dokument finali tal-laqgħat.
Madankollu, waqt il-vjaġġ tiegħu mill-Kanada għal Singapore, fejn ser jiltaqa’ mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un, fuq Twitter il-President Donald Trump kiteb li l-Istati Uniti mhux ser jiffirmaw id-deċiżjonijiet li ħadu s-seba’ mexxejja tal-G7.
Jidher li Trump reġa’ lura minn kelmtu minħabba d-diskors tal-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, meta Trump kien diġà fuq l-ajruplan għal Singapore.
Trudeau qal li t-tariffi imposti mill-White House fuq l-aluminju u l-ħadid huma “insult” għall-Kanadiżi għaliex skont Trump, it-tariffi ser jitħallsu minħabba s-sigurtà nazzjonali. Huwa qal ukoll li l-poplu Kanadiż hu ġentili u għandu qalbu tajba u li mhux ser jitħalla jiġi trattat ħażin.
Wara dan il-kumment, Trump qal li mhux ser jimxi mad-deċiżjonijiet tal-G7 u akkuża lill-Kanada li hija diżonesta.
Sostna li pajjiżi oħra qed jimponu tariffi kbar fuq l-Istati Uniti. Sostna li l-ekonomija Amerikana tilfet 817 biljun dollaru u skontu, dan hu ridikolu u inaċċettabbli.

https://platform.twitter.com/widgets.js