Jinżamm arrestat talli kiteb ‘bonġu’ fuq Facebook

Il-Pulizija arrestat raġel li l-ġimgħa l-oħra kiteb post fuq Facebook li kienet interpretata ħażin.
Ir-raġel Palestinjan kien arrestat mill-Pulizija Iżraeljana wara li kiteb ‘bonġu lill-kulħadd’ bl-Għarbi u li b’xi mod ġiet tradotta għal ‘attakkawhom’ bl-Ebrajk.
Il-Pulizija kkonfermat li r-raġel, li jaħdem bħala bennej, inżamm arrestat fuq suspett li kien qed jinstiga l-ġlied imma li ġie meħlus hekk kif irrealizzaw li kien żball.
Il-post kienet turi ritratt ta’ ħaddiem ħdejn bulldowżer, liema tip ta’ vetturi intużaw fil-passat f’attaki f’Iżrael.
Skont il-midja internazzjonali bejn ‘bonġu lil kulħadd’ bl-Għarbi u ‘attakkawhom’ bl-Ebrajk hemm differenza waħda biss fil-kitba u l-użu tal-lingwa.
Ir-rapporti saħqu li l-ebda uffiċjal li hu midħla tal-lingwa Għarbija ma kien konsultat qabel ma sar l-arrest u li l-Pulizija bbażat l-investigation tagħha fuq it-traduzzjoni awtomatika ta’ Facebook.