Jisparixxu l-aħħar ftit metri taċ-ċumnija ta’ Delimara

DOI - Omar Camilleri

Il-Ministeru għall-Enerġija ħabbar li t-twaqqiegħ taċ-ċumnija tal-power station ta’ Delimara wasal fl-aħħar fażi bl-aħħar ftit metri li twaqqgħu llum.

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li din kienet l-ogħla struttura f’Malta u kienet is-simbolu tal-aktar żejt li jħammeġ u rrimarka li l-Gvern irid politika bbażata fuq enerġija nadifa. Huwa rrimarka li dan ix-xogħol qed isir permezz ta’ apparat li nġieb Malta apposta u li kemm jista’ jkun ma jaffettwax l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku li hemm fil-qrib.

Mizzi irringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti kif ukoll lix-Shanghai Electric għall-koperazzjoni tagħhom.