Jisparixxi ajruplan tal-Air Algerie

Ajruplan tal-passiġġieri tal-Air Algerie sparixxa minn fuq ir-radar, waqt titjira minn Burkino Faso, fil-Punent tal-Afrika. 
Fuq l-ajruplan kien hemm 110 passiġġieri u 6 membri tal-ekwipaġġ.
It-titjira AH5017 telqet mill-kapitali Ouagadougou f’Burkino Faso lejn Alġeri u sparixxiet madwar 50 minuta wara t-tluq.
It-titjira abbord l-ajruplan tat-tip McDonnell Douglas MD-83, telqet fis-1.17am, ħin lokali u kienet mistennija tasal fil-5.10am, iżda qatt ma waslet fid-destinazzjoni.
L-ajruplan kien ilu nieqes għal numru ta' sigħat, qabel l-għibien tħabbar fil-pubbliku.
It-titjira kienet mistennija tieħu rotta dritta, li tgħaddi minn fuq il-Mali, fejn hemm l-inkwiet fit-tramuntana tal-pajjiż.
Iżda, uffiċjal Franċiż qal li huwa diffiċli biex il-ġellieda fil-Mali jisparaw lejn ajruplan u jwaqqgħuh.
Iktar tard mal-ġurnata sar magħruf li l-bdot għamel kuntatt mat-torri tal-kontroll biex jibdel ir-rotta minħabba li sab maltempata.
Fost il-passiġġieri abbord l-ajruplan kien hemm 50 ċittadin Franċiż, 24 minn Burkino Faso, 8 Lebaniżi, tnejn mil-Lussemburgu, Belġjan, Ukren u Rumen.