Aġġornata (2): Traċċi ta’ żejt fil-baħar jistgħu iwasslu għall-ajruplan imfittex

Ajruplani li qed jivjaġġaw fiz-zona tal-Vjetnam irrappurtaw li traċċi ta' żejt fil-baħar b'tul ta' madwar 15-il kilometru huma evidenti fil-wiċċ tal-ilma u mhux qed jiġi eskluż li ż-żjut ħarġu mill-ajruplan imfittex. Il-Gvern tal-Vjetnam ukoll ikkonferma li dawn traċċi huma viżibbli fil-baħar minkejja li għad m'hemm l-ebda konferma li dan jista jkun kawża tal-għibien tal-ajruplan hekk kif it-tfittxija għadha għaddejja

Il-Ministru Malasjan Seri Hishammuddin qal li jittama li kulħadd jifhem li l-gvern qed ikun trasparenti kemm jista’ sabiex jagħti aktar dettalji dwar dan il-każ. Madankollu qal li l-ewwel kull informazzjoni trid tiġi verifikata.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malaysia Airlines Ahmad Jauhari Yahya qal li issa l-prijorità hija l-għajnuna lill-familji ta’ dawk li kienu fuq din it-titjira. Qal li 80% tal-familji u qraba tal-passiġġieri, diġà ġew kkuntattjati dwar l-għajbien ta’ dan l-ajruplan.

Aktar kmieni:
Ajruplan tal-Malaysia Airlines tilef kuntatt maċ-ċentri tal-kontroll hekk kif kien qed jivvjaġġa bejn Kuala Lampur fil-Malasja u Beijing fiċ-Ċina. Abbord għandu 239 persuna fosthom żewġt itfal.
Il-Malaysia Airlines qalet li l-ajruplan bit-titjira MH370 sparixxa kmieni dalgħodu. L-ajruplan kellu jinżel Beijing fis-7.30 ta’ dalgħodu.
Rapport fuq is-sit elettroniku tal-Gvern tal-Vjetnam, jikkonferma li l-ajruplan intilef fuq l-ispazju tal-Vjetnam, għalkemm għadu mhux ċar fejn dan jinsab.
Qraba u ħbieb tal-passiġġieri abbord fuq din it-titjira li kienu qed jistennew fl-ajruport, diġà ngħataw struzzjonijiet biex ifittxu lukanda fil-qrib. Uffiċjali tal-ajruport huma lesti biex jagħtuhom l-aħħar informazzjoni dwar din it-titjira hekk kif din tasal għandhom.
Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu tajbin. Kemm il-Malaysia Airlines kif ukoll l-ajruplan tat-tip Boeing 777, għandhom “track record” tajjeb ta’ sigurtà.