Jisparawlha ftit xhur qabel it-tieġ

Fl-aħħar 24 siegħa ġew ippublikati aktar dettalji dwar il-vittmi tal-attakk f’Las Vegas fejn Stephen Paddock ta' 64 sena qabad jispara bl-addoċċ mit-32 sular tal-Madalay Bay Hotel, lejn dawk li kienu qed jattendu l-kunċert.
Fost id-59 vittma u 515 midruba kien hemm veterani, infermiera u għalliema
Wieħed mill-vittmi li mietu fl-attakk tal-bieraħ kien Chris Roybal, veteran tal-Forzi Navali Amerikani  ta’ 28 sena li kien għadu kemm irritorna d-dar riċentament mill-Afganistan.
Fl-aħħar post pubbliku fuq Facebook f’Lulju li għadda Roybal kiteb dwar kif ħafna jistaqsuh dwar l-esperjenzi li jgħaddi minnhom fejn ikun fil-mira tan-nar waqt il-ħidma tiegħu.
Omm Roybal qalet li tinsab irrabjata u dispjaċuta li binha mar għal gwerra u rnexxielu jibqa’ ħaj biex ftit xhur wara nqatel f’pajjiżu stess.
Sandy Casey, għalliema ta' 35 minn Manhattan, kienet il-festival mal-għarus tagħha x’ħin intlaqtet f’dahra. Chris Willemse, l-għarus  tagħha, qal li kienu se jiżżewġu ftit xhur oħra. Hu ddeskriviha bħala għalliema li għamlet differenza kbira fil-ħajja tal-istudenti tagħha u li kienet maħbuba minn kulħadd.
Thomas Day li ħa lill-erbat itfal tiegħu għall-festival intlaqat minn sparatura u miet hekk kif kien qed jgħin u jidderrieġi lill-uliedu biex jaħarbu mill-periklu u paniku li qam fil-ħin tal-attakk.
Charleston Hartfield ta’ 34 sena, uffiċjal tal-Pulizija f’Las Vegas u kowċ tal-futbol kien vittma ieħor li ntlaqat mill-bullets ta’ Paddock.
Mara oħra rrakkuntat kif Sonny Melton, infermiera ta’ 29 sena, salvatielha ħajjitha wara li nbuttatha hekk kif beda l-isparar u kif intlaqtet f’dahra hi u timbuttaha.
Denise Burditus minn West Virginia kienet il-festival ma’ żewġha. Aktar tard hu kiteb fuq Facebook kif martu, li kienet omm ta’ żewġt itfal, mietet f’idu u li kienet dalwaqt se ssir nanna ta’ ħamest itfal.
Apparti minn 23 arma tan-nar, fil-kamra ta’ Paddock instabu 10 bagalji bil-munizzjon.
Wara l-attakk diversi lukandi fl-akwati kienu magħluqa għal xi ħin mill-Pulizija għal raġunijiet ta’ sigurtà.