Jisparaw lejn 8 għasafar protetti fl-aħħar disat ijiem

BirdLife Malta qalet li mill-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa sa issa, tmien għasafar protetti spiċċaw fil-mira ta’ kaċċa illegali.
Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li fil-każijiet kollha fejn intalbet l-assistenza tagħha, l-għasafar kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti kkawżati minn tiri ta’ senter, b’erbgħa minnhom imutu.
Qalet ukoll li hekk kif l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa qed ikun abbużat, b’tajr protett jispiċċa fil-mira tal-kaċċa, BirdLife Malta qed issejjaħ lill-Gvern biex jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2017 b’mod immedjat.
Kompliet tgħid li l-għasafar protetti fil-mira tal-kaċċa kienu tliet Bagħdan Ħomor, Spanjulett, Ħuttafa, Rundun u żewġ Daqquq tat-Toppu.
Barra minn hekk, BirdLife Malta qalet li dan it-tajr inġabar minn Selmun, mill-Irdum tal-Madonna fl-Aħrax tal-Mellieħa, mill-inħawi tas-Salib tal-Għolja, mill-wied f’Ħal Qormi, mill-Għasri f’Għawdex, mis-Siġġiewi u mill-Marsa.
BirdLife Malta fakkret li każijiet ta’ ksur tal-liġi u ta’ għasafar feruti jistgħu jiġu rrappurtati lill-Pulizija fuq 119 u lil BirdLife Malta fuq 21347645.