Jisparaw fuq karozza ta’ attivisti kontra l-kaċċa fil-Girgenti

CABS

Read in English.

Persuni mhux magħrufa sparaw fuq karozza ta’ attivisti kontra l-kaċċa fil-Girgenti.

Fi stqarrija, il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasar (CABS) qal li l-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija fit-triq il-prinċipali fil-wied tal-Girgenti.

L-għaqda qalet li l-voluntiera tagħha kienu qed jgħassu għasafar protetti li kienu qed itiru lejn il-Buskett. Meta rritornaw lejn il-karozza tagħhom, indunaw li xi ħadd kien spara fuq il-karozza mill-qrib b’shotgun.

Il-CABS qed toffri premju ta’ €2,500 għal informazzjoni li twassal għall-arrest tal-persuna jew persuni li sparaw fuq il-karozza. L-għaqda appellat lil dawk li raw l-isparatura biex jagħmlu kuntatt mal-Pulizija.

Iċ-ċomb jaqa’ fuq il-voluntiera f’inċident separat

Skont il-CABS, f’inċident separat li seħħ ilbieraħ waranosfinhar, żewġ membri tagħha ntlaqtu minn ċomb li waqa’ fuqhom. It-tiri kienu sparati mal-50 metru ‘l bogħod.

Il-voluntier tal-CABS Marvin Fehn qal li ma jidhirx li l-isparaturi saru direttament fuqhom, però qal li kienet theddida intenzjonata.

L-isparaturi ġew wara li l-voluntiera raw kaċċatur li malli nduna bihom ħeba taħt ħajt. Erba’ tiri ġew sparati fid-direzzjoni tal-voluntiera. Skont il-CABS, ma kenux qed itiru għasafar dak il-ħin.

Skont il-CABS, issejħu l-Pulizija li ħadu nota tal-ħsarat. Però, m’għamlux tfittxija madwar iż-żona peress li kien id-dlam.

Il-President tal-CABS Heinz Schwarze qal li jinsabu grati li ħadd ma weġġa’ f’dawn l-inċidenti.

Il-CABS qalet li dawn iż-żewġ inċidenti ġraw tlett ijiem wara li rapport tagħha wassal għal ħidma kbira mill-Pulizija wara li għasfur protett (Bee-eater) intlaqat minn tiri tal-kaċċaturi. Il-Pulizija kellmu lil għadda ta’ kaċċaturi li kienu fuq il-post. Skont il-CABS, meta telqu l-pulizija, il-kaċċaturi bdew jinsulentaw lill-voluntiera. Żewġ kaċċaturi allegatament kixfu l-warrani tagħhom lil żewġ voluntiera femminili tal-CABS.