Jisparalha fuq it-tieqa tad-dar; ilaqqat multa

Raġel li spara arma tan-nar lejn it-tieqa tad-dar tas-sieħba tiegħu jrid iħallas madwar €1,828 għal li għamel.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel ta’ 43 sena ġie akkużat li weġġa’ lis-sieħba tiegħu, li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja, u li għamel ħsara fuq propjetà fost akkużi oħra.

Waqt li kienu għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti, is-sieħba tal-akkużat irtirat ir-rapport kriminali li kienet għamlet. B’konsegwenza ta’ dan, il-Pulizija ma setgħetx tkompli tmexxi l-każ li kellha kontra l-akkużat b’akkużi ta’ theddid li allegatament għamel fil-konfront tagħha. Minn tmien akkużi kontrih, dawn waqgħu għal total ta’ tnejn.

Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti tagħtu multa ta’ €700 u ordnatu jħallas l-ispejjeż legali ta’ €1,128.30.