Jispara lil anzjan ‘għax irrabjat’…jgħid li qatel 13 oħra hekk

Raġel minn Cleveland, f’Ohio l-Istati Uniti, qatel anzjan ta’ 74 sena bla ebda raġuni, u tefa’ l-filmat onlajn. F’filmat ieħor instema’ jikkonferma li qatel 13 oħra u se jkompli għaddej sakemm jikkalma.
L-awtoritajiet bħalissa għaddejjin b’tiftix estensiv għal Steve Stephens ta’ 37 sena, wara li kkonfermaw diġà l-qtil volontarju ta’ Robert Godwin, l-anzjan li nzerta fil-mument u l-ħin ħażin fil-preżenza ta’ Stephens.
Madankollu, sa issa l-Pulizija għad m’ghandhiex evidenza dwar it-13 l-oħra li s-suspettat isemmi.
Bħalissa, l-awtoritajiet qed javżaw lil kulħadd sabiex ma jersqux qrib din il-persuna, li aktarx għadha armata.
Fil-filmat li tefa' onlajn, jidher ħiereġ mill-karozza u jipponta bl-amment lejn l-ewwel persuna li ra, filwaqt li jsemmi isem ta’ mara u jgħid lill-anzjan, “Dil-mara hi r-raġuni għal dak li se jiġrilek”. Fil-filmat l-anzjan jidher jipprova jipproteġi lilu nnifsu bil-basket li kellu f’idu.
Is-Sindku ta’ Cleveland, Frank Jackson, qal li kwalunkwe problema li dil-persuna jista’ għandha, hemm mod ċivili kif jistgħu jiġu trattati, u offra wkoll li jitkellem miegħu bħan-nies.
Sadanittant, paġna onlajn sabiex jinġabru fondi għall-familja tal-anzjan ġabret $20,000 fi ftit sigħat.