Jispara fuq raġel f’Ħal Qormi; jingħata sentenza sospiża

Raġel ingħata sentenza sospiża wara li wieġeb ħati li spara fuq raġel ieħor nhar it-Tlieta fi Pjazza San Franġisk f’Ħal Qormi stess.
Michael Mifsud, ta’ 52 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli akkużat li korra ħafif lir-raġel ta’ 56 sena.
Il-Pulizija ġew mgħarrfa bil-każ meta t-tobba rappurtaw li l-vittma fittex trattament għall-ferita kkawżata minn sparatura f’saqajh.
Wara investigazzjonijiet tal-akwati fejn seħħ dan il-każ, il-Pulizija sabet żewġ skrataċ użati kif ukoll knucle duster. Għaldaqstant, l-arma tan-nar baqgħet ma nstabitx.
Minkejja li meta interrogawh il-Pulizija, Mifsud insista li ma kienx ħati, hu wieġeb ħati waqt li kien qed jinstema l-każ tiegħu fil-Qorti.
Il-Maġistrat Demicoli tat lil Mifsud sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin, flimkien ma’ multa ta’ €800.
Il-vittma tpoġġa taħt protezzjoni għas-sentejn li ġejjin.