​Jispara fuq kelb bi żball wara li l-kelb attakkalu d-dundjani

Fil-Qorti raġel qal li mhuwiex ħati li spara fuq kelb tal-ġar tiegħu u sostna li l-klieb kienu qed jattakkawlu t-tiġieġ u annimali oħra tiegħu.
Carmel Dimech ta’ 56 sena mir-Rabat ġie akkużat b’moħqrija fuq l-annimali kif ukoll li uża arma tan-nar biex darab kelb tal-ġar tiegħu meta skont huwa, il-kelb ipprova jattakka lid-dundjani tiegħu.
L-avukat tiegħu sostna li r-raġel diġà tilef tlettax-il qattus, għadd ta’ tiġieġ u dundjani minħabba l-attakki ta’ dawn iż-żewġt iklieb u qal li ma għamilx rapport mal-Pulizija biex ma jiksirhiex mal-ġar. Kompla jgħid li kien ilu jipprova jkellem lil ġar tiegħu, tant li qabel l-inċident, sid il-klieb diġà kien weħel multa ta’ €50 għax ma kienx qed jikkontrolla l-klieb tiegħu.
L-avukat ta’ Dimech spjega li r-raġel spara t-tiri biex jipproteġi lill-annimali tiegħu u ried jispara biss biex ibeżża lill-klieb, iżda wieħed mill-klieb spiċċa ntlaqat bi żball.
Il-każ fil-Qorti mistenni jkompli fil-jiem li ġejjin.
Ritratt: Arkivji