Jiskatta l-proċess parlamentari dwar it-tibdiliet maqbula mal-Kummissjoni Venezja

European Union, 2019

Il-Gvern skatta l-proċess parlamentari li permezz tiegħu se jkun qed jimplimenta numru ta’ tibdiliet miftiehma mal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa bl-għan li jsir it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Maltin fost il-ħatra tal-President ta’ Malta, il-ħatra tal-Imħallfin, l-uffiċċju tal-Ombudsman u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ippreżenta 10 abbozzi tal-liġijiet li dwar erba’ minnhom sar l-ewwel qari fil-Parlament.

Dawn huma:
1)    L-Att sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta relattivi għall-ħatra tal-President ta’ Malta.
2)    L-Att sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta relattivi għall-ħatriet ta’ Mħallfin u Maġistrati.
3)    L-Att sabiex jipprovdi għall-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Att dwar Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Kap. 369, relattivi għat-tneħħija mill-karigi ta’ Imħallfin u Maġistrati.
4)    L-Att sabiex jemenda liġijiet bil-għan li jirriforma l-proċedura li biha jsiru l-ħatriet fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
5)    L-Att sabiex ikompli jimplimenta riformi fil-Qasam tal-Ġustizzja billi jipprovdi għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Avukat Ġenerali.
6)    L-Att sabiex jemenda l-liġijiet li jirregolaw l-uffiċju tal-Ombudsman.
7)    L-Att sabiex jipprovdi għall-emendi fl-Att dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
8)    L-Att sabiex jemenda diversi liġijiet bil-għan li jifforma l-proċedura li biha jsiru l-ħatriet tas-Segretarju Permanenti Ewlieni u tas-Segretarji Permanenti.
9)    L-Att li jipprovdi għall-emendi tal-liġijiet relattivi għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja.
10) L-Att sabiex jemenda diversi liġijiet bil-għan li jirriforma l-proċedura li biha jsiru diversi ħatriet.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li l-publikazzjoni ta’ dawn l-atti sar skont il-proċedura parlamentari, u ssir id-diskussjoni tagħhom fil-Kamra tad-Deputati mill-aktar fis possibbli.

Huwa qal li dan juri kemm “l-Amministrazzjoni Robert Abela hija ppreparata f’dan il-proċess ta’ riformi li prattikament wasal f’ħoġor il-Kamra tad-Deputati f’perjodu ta’ ħames xhur. Dan juri s-serjetà u r-rieda politika tal-gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet f’pajjiżna.”