Jiskadi t-terminu tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-ħarsien tal-imparzjalità fix-xandir mhumiex importanti għall-Prim Ministru “għax għażel li jħalli t-terminu tal-Awtorità tax-Xandir jiskadi mingħajr ma jaħtar membri ġodda kif titlob il-liġi.”
Fi stqarrija, ll-Kelliem tal-PN għad-Drittijet taċ-Ċittadin Clyde Puli qal li dan iwassal biex l-Awtorità tax-Xandir ma tkunx f’pożizzjoni leġittima li tieħu deċiżjonijiet importanti, l-aktar fil-konfront tal-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS.
Puli saħaq li jistenna li l-Prim Ministru jwettaq id-dmir kostituzzjonali tiegħu bla aktar dewmien u b’konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni jinħatar bord ġdid tal-Awtorità tax-Xandir.
It-terminu taċ-Ċermen u l-erba’ membri l-oħra tal-Awtorità tax-Xandir skada fil-31 ta’ Diċembru li għadda.