Jisirqu diversi drabi; sentejn ħabs

Miguela Xuereb

Żewġ żgħażagħ minn Ħal Għaxaq ġew ikkundannati 48 xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li wettqu sensiela ta’ serqiet bejn Diċembru 2015 u Jannar 2016.

Wieħed miż-żgħażagħ li għandu 23 sena ġie kkundannat 28 xahar ħabs filwaqt li ż-żagħżugħ l-ieħor li għandu 21 sena ġie kkundannat 20 xahar ħabs. Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkunsidrat li dak iż-żmien iż-żagħżugħ li llum għandu 21 sena kien għadu taħt l-età u għalhekk is-sentenza tiegħu tonqos bi grad.

Iż-żewġ żgħażagħ ammettew l-involviment tagħhom f’sitt serqiet li seħħew bejn it-13 ta’ Diċembru 2015 u t-28 ta’ Jannar, 2016. Is-serqiet seħħew minn ħwienet u kjosks fil-Ħamrun, l-Imsida u l-Gudja.

Iż-żagħżugħ li għandu 23 sena m’ammettiex l-involviment tiegħu fis-serqa li saret f’Diċembru 2015 minn kjosk f’Tas-Sliema, filwaqt li iż-żagħżugħ l-ieħor m’ammettiex li kien involut f’serqa li seħħet fi klabb tal-futbol fil-Gudja.  

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat li ż-żewġ żgħażagħ ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom fi stadju avvanzat ta’ din l-investigazzjoni kif ukoll li wieħed miż-żgħażagħ kien għadu taħt l-età.

Fil-każ taż-żagħżugħ li għandu 23 sena, il-Qorti qalet li t-talba tad-difiża biex jingħata probation ma tistax tiġi aċċettata minħabba n-nuqqas ta’ affidabilità kif jixhed ir-rekord kriminali tiegħu. Il-Qorti żiedet li minħabba li ż-żagħżugħ qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq każ ieħor min-naħa tagħħa ma tistax tagħti sentenza sospiża lill-imputat.