Jisirqu arloġġ minn id raġel f’Tas-Sliema

Read in English.

Żewġ irġiel li ġew Malta nhar is-Sibt serqu arloġġ tad-ditta Rolex l-għada stess, skont ma nstema’ fil-qorti llum. Huma qed jinżammu arrestati.

Iż-żewġ Naplitani li għandhom 30 u 37 sena tressqu l-qorti llum akkużati b’serq aggravat, li saqu mutur mingħajr assikurazzjoni, u li huma riċedivi.

Is-serqa ġrat il-Ħadd li għadda fi Triq Dingli f’Tas-Sliema għall-ħabta ta’ 12pm. Huma serqu arloġġ tad-ditta Rolex li jiswa iżjed minn €2,300 minn ma’ polz raġel kif kienu għaddejjin bil-mutur.

Il-vittma u s-sieħba tiegħu kienu għadhom kemm ħarġu minn restorant. Il-vittma rnexxielu jniżżel in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-mutur tal-irġiel, u ta dawn id-dettalji lill-pulizija. L-investigaturi rnexxielhom jaqbduhom b’hekk, qabel ma dawn ħarbu minn Malta, kif kellhom pjanat, nhar it-Tnejn.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja u qed jinżammu arrestati. Huma ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.