Jisimgħu l-messaġġ tal-Papa fl-Irlanda waqt attività fis-Siġġiewi

Fl-okkażjoni tal-Laqgħa Mondjali tal-Familji f’Dublin, fl-Irlanda u li għaliha qed jattendi il-Papa, il-Kumitat Ċentrali tal-Gruppi Familji Nsara (GRUFAN) fi ħdan il-Moviment ta’ Kana organizza attività soċjali f’Misraħ Papa Giovanni fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

L-attività inkludiet quddiesa u ikla. Dawk kollha li kienu preżenti setgħu jsegwu live il-Festa tal-Familja li saret ilbieraħ u li kienet tinkludi fost oħrajn messaġġ mill-Papa Franġisku.

Ilbieraħ, il-Papa Franġisku wiegħed li se jieħu azzjoni biex akkost ta’ kollox iwaqqaf darba għal dejjem l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal mill-kleru. Dan qalu waqt żjara fl-Irlanda, fejn għadd ta’ abbużi sesswali begħdu lil ħafna Irlandiżi mill-Knisja.

Fl-ewwel żjara Papali fl-Irlanda f’40 sena, il-Papa Franġisku indirizza attività statali li attendew għaliha għadd ta’ nies li sfaw vittma ta’ abbuż. Saħaq li hija tal-mistħija li dawn l-atti kriminali ma ġewx indirizzati.