Jisħnu l-irjus fi ġlieda f’Marsalforn

Missier u iben kienu fost il-persuni li ġġieldu f’Marsalforn ilbieraħ, f’każ li qed jitqies bħala ġlieda familjari.

Il-Pulizija kelmet numru ta’ persuni wara ġlieda li seħħet ftit wara l-10pm tal-bieraħ filgħaxija f’gabbana f’Marsalforn. Sorsi mill-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li kawża tal-ġlieda kien hemm xi ħsarat fil-gabbana.

Jidher li familjari ta’ sid il-gabbana bdew jargumentaw bejnithom tant li l-għajjat instema’ minn diversi postijiet fil-port ta’ Marsalforn. Fil-pront issejjaħ il-Pulizija fl-għassa ta’ Marsalforn iżda minħabba li l-ġlieda eskalat sew kellhom jissejħu aktar Pulizija mill-għassa tar-Rabat, Għawdex.

Persuni li kienu fuq il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt li jidher li l-argument beda waqt li l-familjari kienu ma’ mejda fl-istess gabbana tal-ġelat. Persuna oħra qalet li tant kemm intużat forza li “għal naqra ma tefgħux persuna fil-wied”.

Wara li l-Pulizija kkalmaw il-ġlieda, żammet xi nies fl-għassa ta’ Marsalforn għal xi mistoqsijiet. Għadu mhux magħruf jekk il-Pulizija arrestatx xi nies.

Ġlieda oħra fir-Rabat, Għawdex

Il-Pulizija ssejjħu biex jikkontrollaw ġlieda oħra f’Għawdex fi stabbiliment tax-xorb fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, Għawdex. Sorsi mill-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li fl-istess ħin tal-ħlieda f’Marsalforn, il-Pulzija kienet qiegħda tikkontrolla ġlieda oħra.