Aġġornata: Ritratti: 38 mejta wara li sfronda pont fl-Italja

A motorway bridge which collapsed on Tuesday near the northern Italian port city of Genoa is seen in this picture released by Italian firefighters on August 14, 2018. Italian Firefighters Press Office/Handout via REUTERS

Mill-inqas 38 persuna mietu meta awtosrada fuq pont sfrondat ħdejn il-belt ta’ Genoa fl-Italja skont id-Deputat Ministru għat-Trasport Taljan Edoardo Rixi.

Waqt intervista, Rixi qal li mhux aċċettabbli li pont tant importanti ma kienx mibni biex jevita dan it-tip ta’ inċident.

Il-Ministru għat-Trasport Taljan iddeskriva l-inċident bħala “traġedja kbira”. Skont ir-Reuters, l-aġenzija tal-midja Taljana Adnkronos ikkwotat lill-kap tas-servizz tal-ambulanzi jgħid li mietu għexieren ta’ persuni. Fl-ewwel mumenti, sorsi mill-pulizija qalu li mietu minn tal-inqas għaxar persuni u li 20 vettura kienu involuti fl-inċident. Uffiċjal tal-ambulanzi qal mar-Reuters li setgħu jikkonfermaw biss li weġġgħu żewġ persuni.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta qal li s’issa jidher li ma kienx hemm persuni Maltin involuti fl-inċident. F’każ li hemm xi ħadd li jrid jagħmel kuntatt mal-ambaxxata ta’ Malta f’Ruma jista’ jċempel fuq 0039 (06) 687 9990.

Il-midja Taljana bdiet turi ritratti tal-pont imwaqqa’. Il-pont kien inbena fl-1960. Kien sar xogħol ta’ ristrutturar fl-2016. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:30 am waqt maltempata.