Jisfidaw lill-Papa jsir vegan għal miljun dollaru

Ambjentalisti niedew sfida lill-Papa Franġisku sabiex isir vegan fir-Randan u jieħu miljun dollaru Amerikan li jmorru għal xi għaqda tal-karità li jagħżel huwa stess. Il-kampanja bit-tema “Miljun Dollaru biex issir Vegan” qed issir biex tħeġġeġ lin-nies jieklu inqas laħam u prodotti tal-ħalib sabiex iħarsu t-tibdil fil-klima.

Iż-żieda fit-temperaturi fid-dinja tista’ tingħeleb b’inqas konsum ta’ laħam kif ukoll konsum ta’ inqas prodotti tal-ikel li ġejjin mill-annimali.

Il-moħħ wara din il-kampanja hija Genesis Butler, tfajla ta’ 12-il sena minn Kalifornja. Hija vegana u mexxiet diversi protesti kontra l-moħqrija fuq l-annimali u ssostni li hemm ħafna raġunijiet biex persuna tiekol dieta bbażata biss fuq il-pjanti.

It-tfajla kitbet lill-Papa Franġisku u faħħritu għall-mod kif jippromwovi bidliet fl-istil ta’ ħajja sabiex tiġi protetta d-dinja u l-ambjent permezz tal-enċiklika “Laudato Si”.

Qalet li qed tappella għall-għajnuna tal-Papa sabiex bl-għajnuna tiegħu wkoll, tiġi indirizzata l-problema tal-agrikoltura tal-annimali.