Aġġornata: Jisfida lill-PN jgħidlu x’jagħmel kieku bl-iskart mhux riċiklabbli

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, qal li hemm tliet għażliet li jrid jaffaċċja l-pajjiż sabiex ikun jista’ jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea għar-riċiklaġġ, u fl-istess ħin xejjen il-kritika li saret fil-midja tal-Partit Nazzjonalista dwar waħda minn dawn l-għażliet.
Dr Muscat kien qed jitkellem fil-Gudja waqt attività politika tal-Partit Laburista, meta tkellem dwar l-ambjent u r-riċiklaġġ, fost l-oħrajn.
Qal li l-UE tistenna li kull pajjiż jirriċikla 65% tal-iskart kollu li jipproduċi, u li jkun fadal dawk il-35% li jkun skart mhux riċiklabbli.
Il-PM qal li hemm tliet għażliet x’wieħed jista’ jagħmel b’dan l-iskart, jiġifieri li jew jesportah, inkella jibqa’ jintefa’ fil-miżbla, jew jingħadda minn proċess li bih jinbidel f’enerġija.
Sostna li jekk l-iskart jiġi esportat, il-Gvern qed jistma li tiġi tiswieh bejn €30 miljun u €50 miljun fis-sena, u din tkun tfisser taxxa fuq iż-żibel, u jekk jintefa’ fil-miżbla jridu jinstabu 50 tomna oħra art biex iservu bħala miżbla, li sservi biss 10 snin.
Il-ġimgħa l-oħra l-Ministru għall-Ambjent, Josè Herrera, qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern għażel il-Magħtab bħala s-sit fejn se jibni l-impjant tal-Waste-to-Energy li mistenni jiswa bejn il-€120 u l-€150 miljun.
Dan l-impjant se jkun qed jipproċessa mal-40% tal-iskart kollu tal-gżejjer Maltin. Saħaq li x-xogħol fuq dan il-proġett se jibda s-sena d-dieħla bil-għan li jitlesta sal-2023.
Madankollu din l-idea sabet il-kritika tal-PN, li argumenta li dan l-impjant hu “fabbrika tal-kanċer li taħraq il-plastik”.
Dr Muscat sfida lil Dr Adrian Delia biex jgħidlu jekk iridx allura li jesporta l-iskart, bil-konsegwenza li jkollha tiddaħħal taxxa lil kull familja fuq l-iskart li tiġġenera, inkella jieħu aktar art għal miżbli ġodda.
Fakkar ukoll li l-Oppożizzjoni għadha ma talbitx post fil-Kumitat dwar l-Iskart, ħaġa li qajjimha l-Ministeru għall-Ambjent illum fi stqarrija, meta qal li jkun għaqli għall-PN li jipparteċipa fil-kumitat, għax kieku jkun jaf aktar x'tinvolvi t-teknoloġija tal-waste-to-energy.
Issemmiet ukoll skema ta’ riċiklaġġ tal-fliexken tal-plastik, li tixbah lil dik tal-ħġieġ. Wieħed jirritorna lura fliexken użati tas-soft drinks, u jirċievi flus lura. Dan se jfisser ukoll li l-prezzijiet jiżdiedu, iżda Dr Muscat qal li jiddependi mill-konsumatur il-flus żejda li ħallas jerġax jirkuprahom.
Barra minn hekk ħabbar li qed titlesta liġi dwar il-ġbir tal-iskart, sabiex kukħadd ikun obbligat joħroġ il-borża li tkun fil-ġurnata ddiżinjata għaliha, u ma jkunx hemm dawk li Dr Muscat sejħilhom “kummiedji sħaħ”.
Wied iż-Żrinġ mhux se jintmiss
Temm jitkellem dwar l-estensjoni taż-Żona Industrijali ta' Bulebel, u qal li wara li l-Gvern sema' l-pariri tan-nies, iddeċieda li jnaqqas l-estensjoni, u fost l-oħrajn Wied iż-Żrinġ mhux se jintmiss biex jiġu protetti l-bdiewa u l-għelieqi.
“Aktarx il-White Paper dwar il-kera se tiġi kkritikata”
Sadanittant, il-PM tkellem ukoll dwar il-kera, u esprima t-tħassib tiegħu li aktarx il-white paper li qed tiġi ffinalizzata se tlaqqat il-kritika.
Dr Muscat qal li jrid jifhem mhux biss lil min qed iħallas il-kera, iżda anki lil min qed jikri l-post tiegħu lil ħaddieħor.
Ta x’jifhem li ma jaqbilx li jkun hemm regolarizzazzjoni sfiqa fis-suq tal-kera, talba li saret il-ġimgħa l-oħra minn 17-il entità mhux governattiva.
Qal li regolarizzazzjoni tista’ twassal għas-suq l-iswed, jiġifieri li min ikun qed jikri l-post lil ħaddieħor ma jiddikjarax, inkella jkun hawn min jiddeċiedi li jħalli post vojt u ma jikrihx.
Min-naħa l-oħra sostna li s-sitwazzjoni bħalissa mhix tajba, u għandek kulħadd jagħmel li jrid u jgħolli l-kera kif u meta jiftillu.
Temm jgħid li wħud mill-proposti li ressqu dawn l-entitajiet kienu soċjali immens, u għalhekk il-Gvern se jkun qed jikkunsidrahom.
“L-inċeneratur huwa ħolqa waħda minn katina ta’ miżuri li seta’ jieħu l-Gvern” – PN
Skont il-Partit Nazzjonalista, il-proposta tal-PM sabiex jinbena inċeneratur hija biss ħolqa waħda minn katina ta’ miżuri li setgħu jittieħdu sabiex tinħoloq politika b'viżjoni dwar l-iskart.
Fir-reazzjoni għad-diskors tal-Prim Ministru, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Jason Azzopardi, qal li l-Gvern irid jibni inċeneratur mingħajr ma saru ebda studji fuq l-impatt ambjentali li dan jista’ jħalli u jgħid li dan juri nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Gvern.