Jirtira Minn Hollywood: Chris Hemsworth irid iqatta’ aktar ħin mal-familja

Ritratt: Gage Skidmore

L-attur Chris Hemsworth ħabbar li se jirtira minn Hollywood għalissa biex ikun jista’ jqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħu.

L-attur ta’ 35 sena li bħalissa qed jikseb suċċess fiċ-ċinema permezz tal-parti ta’ Thor fil-film Avengers: Endgame, ilu sena għaddej minn proġett għall-ieħor u jħoss li sal-aħħar ta’ din is-sena m’għandux għalfejn jieħu aktar impenji.

Ritratt: Instagram

Ftit tax-xhur ilu l-attur kien stqarr li l-aktar parti diffiċċli fix-xogħol tiegħu huwa meta jkollu jsiefer barra mill-pajjiż u jħalli l-familja warajh.

Issa wasal żmien il-mistrieħ, u l-attur ma jridx jieħu aktar impenji, għallinqas għaż-żmien li ġej peress li se jkun qed jiffoka fuq il-familja tiegħu.

Hemsworth huwa miżżewweġ lil Elsa Pataky, li għandha 42 sena, u għandhom tlett ulied India Rose ta’ seba’ snin, u Tristan u Sasha, tewmin li għandhom ħames snin.

Issa li temm l-impenji tiegħu, l-attur mar lura l-Awstralja biex ikun mal-familja tiegħu u stqarr li huwa hemmhekk li jrid jara lil uliedu jikbru għax iħoss li Hollywood huwa post perikoluż biex trabbi lit-tfal, u jixtieq li uliedu jitrabbew bl-istess valuri li trabba fihom hu.

Ritratt: Instagram

F’Ottubru li għadda, hu u martu xtraw dar li tiswa’ $6.3 miljun f’Byron Bay, New South Wales.

Fiċ-ċinema lil Chris Hemsworth se nkunu qed narawh fix-xhur li ġejjin f’żewġ films oħra,  Jay and Silent Bob Reboot u Dhaka.