Jirriżenjaw ​15-il ħaddiem tal-FIAU f’erba’ snin

Fi ftit aktar minn erba’ snin, kien hemm 15-il ħaddiem li rriżenjaw mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus l-FIAU.
Fis-seduta parlamentari tal-lejla, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li bejn Marzu tal-2013 u t-2 ta’ Ġunju ta’ din is-sena kien hemm 14-il riżenja, filwaqt li mit-2 ta’ Ġunju sal-lum kien hemm riżenja oħra.
Fi tweġiba parlamentari oħra li tressqet mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Ministru Scicluna spjega li preżentament hemm 29 ħaddiem mal-FIAU. Fil-parti l-kbira tagħhom, jiġifieri 27, jokkupaw kariga ta’ uffiċjal li huma maqsuma fuq tliet gradi.
Il-Ministru Scicluna qal li d-Direttur tal-Aġenzija tal-FIAU huwa impjegat fuq kuntratt definit.