Jirriżenja s-Supretendent tas-Sezzjoni tat-Traffiku

Read in English.

Irriżenja Walter Spiteri, is-Supretendent inkarigat mis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Pulizija. Sorsi infurmati qalu dan ma’ Newsbook.com.mt. Din ir-riżenja seħħet fid-dawl tal-investigazzjoni dwar l-allegat abbuż mill-overtime, li wasslet għall-arrest ta’ 30 uffiċjal tat-traffiku. Spiteri kien reġa’ daħal fil-Korp tal-Pulizija fl-2017, wara li kien diġà għamel aktar minn 25 sena servizz.

Fi stqarrija, il-Korp qed jinsisti li għandu pjan ta’ kontinġenza biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas tat-30 uffiċjal mit-toroq madwar Malta.

“Abbuż ta’ din l-iskala ma jsirx għax tiżbalja persuna waħda” – Repubblika

Intant, l-għaqda mhux governattiva Repubblika ddeskriviet dan il-każ bħala skandlu li huwa ħolqa oħra “fil-katina ta’ abbużi, korruzzjoni u impunità li ħakmet lill-pajjiż”. Saħqet li abbuż ta’ din l-iskala ma jsirx għax tiżbalja persuna waħda imma għax ikun hemm qafas sħiħ.

Repubblika stqarret li l-Gvern ingaġġa eks Pulizija b’rekord kriminali u li meta ddefenda lill-eks Ministru Konrad Mizzi u lill-Eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bagħat messaġġ li kollox jgħaddi. Filwaqt li temmen li hemm pulizija onesti u serji, Repubblika tħoss li elementi sinifikanti fil-korp huma mħassra, inkluż bl-indħil politiku fil-qadi ta’ dmirijiethom. Esiġiet li dan il-whistleblower jingħata l-protezzjoni sħiħa, bħalma għandhom jingħataw Jonathan Ferris u Maria Efimova.

“Aċċetta li l-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid issir bi ftehim mal-Oppożizzjoni” – PN

Intant, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jeħtieġ li l-Korp tal-Pulizija jaqleb il-paġna biex jerġa’ jakkwista l-fiduċja tal-poplu.Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità Beppe Fenech Adami saħaq li l-Korp għaddej minn mumenti ferm diffiċli “fejn huwa evidenti issa li l-kultura ta’ impunità u protezzjoni tal-korrotti saħansitra herriet din l-istituzzjoni”.

Filwaqt li sellem lil ħafna pulizija onesti li kuljum jagħmlu xogħolhom u bħalissa jħossuhom ittraduti, appella lill-Gvern biex jaċċetta t-talba tiegħu li l-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid issir b’kunsens u b’mekkaniżmu miftiehem mal-Oppożizzjoni.