Jirriżenja s-Sindku tar-Rabat, Għawdex

Is-Sindku tar-Rabat, Għawdex, Samuel Azzopardi, irriżenja mill-kariga ta’ sindku u mill-Partit Nazzjonalista minħabba li aktarx li fil-jiem li ġejjin se jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ inċident li kellu bil-karozza fi tmiem il-ġimgħa.
Waqt li laqa’ r-riżenja ta’ Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista esprima l-apprezzament tiegħu lejh u lejn is-sens tiegħu ta’ korrettezza, u ddeskrivih bħala eżempju lil min jokkupa kariga pubblika.
F’dikjazzjoni, Azzopardi spjega li kien involut f’inċident kmieni l-Ħadd filgħodu, ftit qabel is-1.00am, li dan ma kienx tort tiegħu imma li rrifjuta li jieħu t-test tal-breathalyser. Hu għalhekk li aktarx jittella’ l-Qorti.
L-eks-Sindku tar-Rabat, Għawdex saħaq li dak il-ħin kien taħt xokk u ma fehemx eżatt il-konsegwenzi tal-fatt. Hu rriżenja biex jiddefendi lilu nnifsu b’mod seren u integru waqt li qal li jifhem li peress li għandu kariga pubblika, hu suġġett għal skutinju ikbar.
Hu se jibqa’ jservi ta’ kunsillier indipendenti b’rispett lejn min eleġġih.