Aġġornata: Jirriżenja Pierre Portelli

Read in English.

Pierre Portelli ħabbar fuq il-midja soċjali li rriżenja mill-irwol tiegħu bħala Kap tal-midja tal-PN ftit wara laqgħa taħraq tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq Facebook, Portelli sostna li huwa ta l-ittra tar-riżenja l-ġimgħa l-oħra iżda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista talbu jerġa’ jikkunsidra. Skontu, wara l-laqgħa tal-lejla “t-tħassib tiegħu kien ikkonfermat”.

AQRA: Filmat: Jibda jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-PN

Skont sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, spjegaw il-laqgħa tal-lejla ddeġenerat wara li Pierre Portelli waħħal fil-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huwa beda jattribwixxi kliem li qal qalet hi. Kien hawn li persuni preżenti ġibdulu l-attenzjoni li qiegħed jitkellem fuq persuna maqtula u li ma tistax tirrispondi għal dak li qed jingħad. Min-naħa l-oħra, Pierre Portelli, f’kumment lil Newsbook.com.mt ċaħad dan u stqarr li hu qatt ma akkuża lil Daphne. Żied jgħid li għall-kuntrarju kien qed jgħid li hi ma kinitx taf lil Adrian Delia u li “ntqalilha gideb minn persuni preżenti għal-laqgħa” u fil-mument li rrealizzaw li seta’ jesponihom “sfrattaw il-laqgħa”.

Is-sorsi preżenti fil-laqgħa qalu wkoll li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli għażlu li jibqgħu kwieti b’dawk preżenti jsaqsuhom jekk hux se jħallih jibqa’ jgħid dak id-diskors. Is-sorsi qalu li ħafna telqu ‘l barra x’ħin Portelli nsista li jkompli jitkellem fuq Caruana Galizia.

Fl-ittra tar-riżenja tiegħu Portelli qal li se jkun qed jirriżenja b’effett immedjat. Huwa qal li l-avventura tiegħu fil-Media.Link kienet waħda mimlija sfidi u mumenti sbieħ, u li flimkien huma ħolqu “l-mod ġdid” għall-Partit Nazzjonalista li huma jħobbu. Portelli qal ukoll li se jkun qed imur lura fis-settur privat, iżda żied li se jkompli jappoġġja l-Partit Nazzjonalista minn barra.