Jirriżenja Napolitano…Renzi għandu xahar biex isib president ieħor

Il-President tar-Repubblika Taljana Giorgio Napolitano ffirma l-ittra ta’ riżenja u b’hekk ħalla l-Quirinale wara mandat ta’ disa’ snin.
Bir-riżenja ta’ Napolitano, mil-lum tibda l-ġirja għal min se jkun is-suċċessur tiegħu, bil-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi jgħid li sa żmien xahar se jkollu l-isem tal-President il-ġdid.
Għalissa,  il-President tas-Senat Pietro Grasso, se jkun qed iservi bħala l-kap tal-istat.
B’referenza għal dak li ġara qabel ma Napolitano reġa’ ġie elett bħala l-President tar-Repubblika Taljana, Renzi qal li din id-darba ma jistgħux jerġgħu jfallu u għalhekk għandu jintlaħaq qbil fuq is-suċċessur ta’ Napolitano, li skont il-Prim Ministru, għandu jgħin lill-Italja tkompli tikber.
Anke l-Papa Franġisku rringrazzja lil Napolitano tal-lealtà lejn l-istat Taljan u li dejjem ħaseb fil-ġid komuni.