Jirriżenja Ministru Spanjol imsemmi fil-Panama Papers

Fi Spanja, irriżenja l-Ministru tal-Industrija li ismu issemma fid-dokumenti tal-kumpanija legali Mossack Fonseca, Panama Papers.
Skont il-ġurnal Spanjol, El Pais, Jose Manuel Soria rriżenja anke minn deputat u president tal-Partit Popolari fil-gżejjer Kanarji.
Nhar it-Tnejn li għadda żewġ ġurnali Spanjoli ppubblikaw dettalji li juru lil Soria bħala direttur f’kumpanija offshore mill-1992.
L-eks-Ministru ċaħad li kellu kontijiet f’tax havens imma wara laqgħa mal-Prim Ministru Mariano Rajoy iddeċieda li jippreżenta r-riżenja tiegħu.
Skont id-dikjarazzjoni tiegħu, dan għamlu waqt li “kkunsidra l-ħsara evidenti li din is-sitwazzjoni kkawżat lill-Partit Popolari”. 
Spanja hi wieħed minn 5 pajjiżi tal-UE li fl-aħħar sigħat ħabbru li se jaqsmu dettalji dwar persuni nvoluti f'kumpaniji offshore bħala ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.