Jirriżenja Michael Falzon postu se tieħdu Deborah Schembri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat aċċetta r-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Michael Falzon wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali li tressaq fil-Parlament illejla.
Il-Prim Ministru qal li aċċetta din ir-riżenja, iddeskrivieh bħala bniedem ta’ intergrità u li fadallu x’joffri lill-pajjiż.
Sostna li Michael Falzon qed jerfa’ r-responsabbilità politika għalkemm qal li hemm kontradizzjonjiet fuq dak li qed jintqal dwaru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li post Michael Falzon se tieħdu Deborah Schembri u għalhekk se tinħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva.
Il-Prim Ministru qal li dak li ġara fid-Dipartiment tal-Artijiet fil-każ ta’ Gaffarena mhux denju tal-Gvern li hu jmexxi.
Ħabbar li l-artijiet u l-kumpens li ngħataw lil Gaffarena se jittieħdu lura u t-tranżazzjonijiet li saru se jitħassru.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet li se jinbidel f’Awtorità u sakemm isir dan it-tibdil se jieqaf kull trasferiment ta’ propjetà tal-Gvern.
Qal iżda li skemi, riċerki u ħlas ta’ kera li kienu diġà ġew awtorizzati se jkomplu sakemm dawn ikunu ġustifikati.
Ħatar ukoll bord li se jitmexxa mill-Imħallef Lawrence Quintano li se jara mill-qrib it-tranżizzjoni tad-Dipartiment f’Awtorità, li se tiġi wkoll rilokata.
Din l-awtorità l-ġdida se jkollha membri maħtura kemm mill-Oppożizzjoni kif ukoll mill-għaqdiet.  
Sostna li r-rapporti tal-investigazzjoni ġew ippubblikati kollha u qal li qed jistenna lill-Awditur Ġenerali jinvestiga każijiet li ħarġu minn dawn ir-rapporti li jmorru lura wkoll fi żmien il-Gvern preċedenti.
Il-Prim Ministru qal li dawn ir-rapporti se jingħataw lill-Avukat Ġenerali biex jikkunsidra jekk hemmx passi oħra li għandhom jittieħdu u talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jara li jkun hemm sorveljanza aħjar tad-dokumenti fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Fil-ġranet li ġejjin se jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika biex ikun hawn liġi aġġornata li tindirizza nuqqasijiet li kien hawn.