Jirriżenja l-Prim Ministru u l-Gvern Rumen

Il-Prim Ministru Rumen, Victor Ponta, irriżenja wara protesti li raw mal-20,000 ċittadin fit-triq, jitolbuh jirriżenja wara nirien f’diskoteka, fi tmiem il-ġimgħa, li ħallew 32 ruħ mejta.
Dawk li kienu qed jipprotestaw kienu qed jakkużaw lill-Gvern ta’ Ponta b’korruzzjoni u nuqqas ta’ superviżjoni dwar sigurtà.
Jidher li n-nirien fid-diskoteka bdew wara li, fi tmiem kunċert minn band, ingħataw xi logħob tan-nar fil-magħluq.
Il-Prim Ministru Rumen diġà qed jiffaċċja formalment akkużi dwar korruzzjoni, u s-sajf li għadda sar l-ewwel Prim Ministru attwali fil-pajjiż li tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ frodi, evażjoni tat-taxxa u ħasil ta’ flus.
Dakinhar kien ċaħad l-akkużi kollha.
Issa rriżenja, u miegħu l-Gvern tiegħu, u sostna li b’hekk jittama li ssodisfa lil dawk li kienu qed jipprotestaw.