Jirriżenja l-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji

Il-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji, il-Professur Kenneth Wain, irriżenja.
Fl-ittra tar-riżenja tiegħu, miktuba jumejn ilu, Wain jgħid li l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Voluntarji tal-2007 kellu bżonn bdil sinjifikanti, u għalhekk ippropona tibdil li qal li messu seħħ ħafna qabel.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal fi stqarrija li beħsiebu jistinka biex il-proposti ta’ Wain jitwettqu, għax bħalu jemmen li l-Att imsemmi kellu bżonn jirregola ruħu fuq ċerti aspetti relatati mal-interess pubbliku, ewlenija l-protezzjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-abbuż tagħhom biex jiffinanzjaw it-terroriżmu, kif ukoll dwar l-immaniħħjar tal-finanzi u l-ħtieġa ta’ sħubija mandatorja.
Intqal li fattur importanti ieħor li jrid jiġi indirizzat hu li ma jerġgħux jiġu ripetuti l-iżbalji li saru fl-Att fl-2007.
Il-Ministeru kompla jgħid li l-abbozz ta’ dis-sena ħadu sehem fih l-Avukat Ġenerali (AĠ), l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u d-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-taxxi, intqal li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni kkonferma li kollox sew fil-25 ta’ Jannar li għadda, u l-iskrutinju tal-AĠ kien iffinalizzat fis-16 ta’ dan.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Ministeru fiduċjuż li l-abbozz se jibda l-proċess parlamentari fil-ġimgħat li ġejjin.