Jirriżenja l-Kap tal-Aġenzija tas-Servizzi Sigrieti Amerikana, David Petraeus

Il-Kap tal-Aġenzija tas-Servizzi Sigrieti Amerikana, David Petraeus, irriżenja mill-kariga tiegħu wara li ammetta li kellu relazzjoni barra ż-żwieġ.
Petraeus, ddeskriva l-aġir tiegħu bħala inaċetabbli hekk kif huwa l-kap ta’ Aġenzija ta’ tant importanza għal Istati Uniti. Għalkemm għadu mhux ikkonfermat, jirriżulta li hu kellu relazzjoni ma Paula Broadwell, li hija l-kittieba tal-bijografija tiegħu stess.
David Petraeus, inħatar fil-kariga ta’ Kap tal-Aġenzija tas-Servizzi Sigrieti s-sena li għaddiet wara li mexxa l-forzi internazzjonali fl-Iraq u l-Afganistan.
Fi stqarrija dwar ir-riżenja tiegħu, Petraeus qal li wara 37 sena żwieġ, l-imġieba tiegħu kienet waħda ħażina u inaċċettabli, kemm fuq livell personali kif ukoll dak professjonali.
Il-President Amerikan Barack Obama qal li Petraeus iprovda servizz straordinarju għal Istati Uniti. Hu fisser id-deċiżjoni tiegħu li jirriżenja bħala telfa kbira għal Amerikani.