Jirriżenja l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet

Irriżenja l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Carlo Mifsud.
Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Infrastruttura, wara li l-Ministru Ian Borg aċċetta r-riżenja.
Skont l-istqarrija, Mifsud offra din ir-riżenja fid-dawl ta’ opportunità li ngħatatlu mill-istess Ministeru sabiex jikkoordina l-proċess biex tiġi mwaqqfa awtorità ġdida li se tkun qed topera fl-imsemmi Ministeru.
L-awtorità l-ġdida se tkun qed tirregola l-industrija tal-kostruzzjoni bl-għan li jkun hemm regolatur wieħed li jiġbor fi ħdanu l-funzjonijiet li bħalissa għandhom il-Kunsill Konsultattiv tal-Bini Industrijali (BICC), l-Uffiċċju Regolatorju tal-Bini (BRO), il-Bord Regolatorju tal-Bini (BRB) u l-Bord tal-Bennejja.
Fl-istqarrija tħabbar ukoll li Peter Mamo se jkun qed jinħatar sabiex iservi bħala Kap Eżekuttiv Attwali għall-Awtorità tal-Artijiet. Mamo bħalissa jaqdi l-irwol ta’ Deputat Kap Eżekuttiv.
Dan sabiex l-awtorità tkun tista’ tibqa’ għaddejja bil-funzjonijiet tagħha sakemm toħroġ is-sejħa għall-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv u jiġi eżawrit il-proċess ta’ ħatra.