Jirriżenja l-Avukat Ġenerali

Aġġornat 08:27 AM

Persuni, għaqdiet jirreaġixxu

Read in English.

Il-President George Vella ħabbar li llum irċieva ittra mingħand Dr Peter Grech li fiha infurmah li se jirriżenja mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali.

Dan se jsir skont il-finijiet u l-effetti tal-Kap. 564 tal-Liġijiet ta’ Malta, b’seħħ mid-9 ta’ Settembru 2020.

Fi stqarrija ta’ sentenza waħda biss mill-Uffiċċju tal-President, ma ngħatatx aktar informazzjoni dwar din ir-riżenja. Dr Grech ingħaqad fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fl-1983, u kien sar Deputat AĠ fl-2005. Huwa mbagħad ħa post Silvio Camilleri fl-2010, billi dan kien sar Prim Imħallef.

Il-PM jirringrazzja lil Grech

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-riżenja ta’ Dr Peter Grech. Huwa rringrazzjah tas-servizz li ta lill-Istat Malti tul id-deċenju li fih okkupa l-irwol ta’ Avukat Ġenerali.

Stqarrija tal-Gvern tgħid li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis se jwaqqaf Kummissjoni tal-Ħatra li se toħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet skont Kap. 90 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Grech kien pupazz f’idejn il-Gvern – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li din ir-riżenja missha ilha li saret, “speċjalment meta kien evidenti li flok jiddefendi liż-żgħir spiċċa pupazz f’idejn il-Gvern Laburista, li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li Dr Peter Grech għażel li jiddefendi kumpaniji barranin bħall-Vitals kontra l-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin, u ma kienx lest li jħalli każijiet serji kontra “il-klikka korrotta li kien hemm f’Kastilja taħt Joseph Muscat.” Skont Delia, ir-riżenja ta’ Grech hija konferma oħra li l-Oppożizzjoni kellha raġun.

Semma kif kien missu rreżenja meta nstab ħati li kiser id-drittijiet ta’ Delia għax irrifjuta li jagħtih kopja tar-rapport tal-Egrant. Delia sostna li minflok ikompli ftit ieħor, Grech għandu jitlaq minnufih.

Intant, il-kontestant ta’ Delia fit-tellieqa għal Kap tal-PN, Bernard Grech, qabel mas-sentiment ta’ Delia li din ir-riżenja ġiet tard wisq, u qal li l-ħsara laħqet ġrat. Huwa kiteb, “Nittama li mil-lum ‘il quddiem dan l-uffiċċju jitħalla jaqdi bl-iktar mod ġust u imparzjali d-dmirijiet tiegħu. B’hekk biss issir ġustizzja fuq tant każijiet li ġabu dell ikrah fuq isem pajjiżna u li sal-lum għadhom pendenti.”

Prim Ministru tant dgħajjef li ma rnexxilux ikeċċi lil Dr Peter Grech minkejja li kien evidenti li dan l-uffiċċju tant…

Posted by Bernard Grech on Saturday, August 15, 2020

Il-Gvern irid jgħid x’wassal għar-riżenja ta’ Grech – Azzopardi

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Gvern irid jgħid x’wassal għar-riżenja għall-għarrieda tal-Avukat Ġenerali. Apparti hekk, l-MP irid li l-Gvern jgħid għaliex tħabbret illum u għaliex se ssir effettiva fi żmien tliet ġimgħat.

Huwa qal li jistenna li l-ittra tar-riżenja tiġi ppubblikata f’ġieħ it-trasparenza.

STQARRIJAFid-dawl tal-ahbar tar-rizenja ghal gharrieda tal-Avukat Generali, proprju fil-jum tal-festa ta’ Santa…

Posted by Jason Azzopardi on Saturday, August 15, 2020

Saru diversi talbiet għar-riżenja ta’ Dr Peter Grech mill-kariga wara li fl-aħħar snin kien sar figura kontroversjali, billi ġieli tqies li mhuwiex iwettaq xogħlu b’mod xieraq, pereżempju fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li kien hemm fuqhom. Wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-familja tal-vittma kienet appellat li Grech jirriżenja wkoll.

Il-Gvern dejjem ċaħad dawn l-appelli, iżda l-Prim Ministru Robert Abela x-xahar li għadda ma nnegax il-possibbiltà li l-AĠ jinbidel.

Karol Aquilina jistaqsi biex tiġi ppubblikata l-ittra ta’ riżenja 

Fuq Facebook, Membru Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina ħabbar li bagħat email lill-Uffiċċju tal-President bħala talba sabiex minnufih tiġi ppubblikata l-ittra ta’ riżenja ta’ Peter Grech mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali.

Huwa qal li peress li l-kariga tal-Avukat Ġenerali hija waħda pubblika mwaqqfa bis-saħħa tal-Kostituzzjon u li ġġorr magħha drittijiet u obbligi, huwa talab lill-Uffiċċju tal-President biex minnufih jippubblika l-ittra ta’ riżenja.

Qiegħed nippubblika email li bħala Membru Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba għadni kif…

Posted by Karol Aquilina on Saturday, August 15, 2020

Irridu l-ittra ta’ riżenja ta’ Muscat – Repubblika

L-NGO Repubblika laqgħet l-aħbar tar-riżenja ta’ Grech, u awgurat li min se jieħu postu li tkun persuna ta’ integrità li tħares il-liġi fuq kollox u li ma tiġix influwenzata minn interessi politiċi partiġġjani. L-għaqda reġgħet talbet għall-pubblikazzjoni tal-ittra ta’ riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, “ittra li l-President tar-Repubblika Dr George Vella żamm milli tiġi ppublikata peress li kien ikollha, fi kliemu stess, ‘effett sostanzjali fuq il-ħidma propja u effettiva ta’ awtorità pubblika’ li f’dan il-każ tirreferi għall-Gvern.”

F’Lulju li għadda, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal fil-Qorti li nota mill-Avukat Ġenerali tat il-parir lill-Pulizija biex tieħu l-investigazzjonijiet fuq il-Panama Papers bil-kalma. Dan qajjem għagħa sħiħ, u l-Avukat Ġenerali sostna li dan mhux minnu.

Din il-ġimgħa stess, fil-qorti, Dr Peter Grech ġie kritikat mit-tim tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, talli ordna investigazzjoni fuq allegat disprezz tal-Qorti minħabba l-leaks tar-rikordings tas-sensar fl-assassinju, Melvin Theuma.

L-Avukat Charles Mercieca, li sa ftit xhur ilu kien jaħdem fl-uffiċċju tal-AĠ, qal li jinsab perpless kif l-AĠ għall-ewwel darba fil-kariga tiegħu ħa l-inizjattiva li jordna investigazzjoni fuq l-allegat disprezz tal-Qorti “meta jeżistu u hemm disponibbli għalih provi ċari li jirrikjedu investigazzjoni ferm aktar imminenti li jesponu reati ferm aktar serji fuq dan il-każ u każi oħra.” Mercieca kritika lill-AĠ talli ma ressaqx rikorsi b’urġenza fuq Keith Schembri u l-mowbajl mitluf tiegħu, jew fuq il-proklama ta’ Melvin Theuma. Huwa staqsa x’għandhom x’jaħbu l-AĠ u l-Prosekutur Keith Arnaud.