Jirriżenja l-avukat ewlieni ta’ Trump fl-investigazzjoni tal-indħil Russu fl-elezzjoni

Il-midja Amerikana qed tirrappprta li l-avukat ewlieni li qed jidher għall-President Donald Trump fl-investigazzjoni minn kunsill speċjali għall-allegat indħil Russu fl-elezzjoni tal-2016 irriżenja.
Qed jiġi rrappurtat li John Dowd irreżenja wara li kkonkluda li Trump qed jibqa’ jinjora l-pariri tiegħu.
Sadanittant, rapporti oħra qed jgħidu li Trump tilef il-fiduċja tiegħu f’Dowd u jekk kienx kapaċi jżomm ir-riedni tal-kunsillier speċjali, Rpbert Mueller.
F’imejl li bagħat Dowd lill-Washington Post, Dowd qal li lill-President iħobbu u jixtieqlu kull ġid.
Barra mill-indħil Russu fl-elezzjoni li fiha tela’ Trump, il-kunsill speċjali qed jinvestiga wkoll Trump ippruvax ixekkel l-investigazzjonijiet.
Sal-ġimgħa l-oħra Dowd innifsu kien qed jitlob lid-Dipartiment tal-Ġustizzja biex jagħlaq immedjatament l-investigazzjoni mmexxija minn Mueller, u għall-bidu kien qal li qed jitkellem f’isem Trump.
Iżda aktar tard bidel fehemtu u qal li tkellem f’ismu.
Fl-aħħar jiem Trump erħielha jikkritika lil Mueller direttament, aktar milli l-investigazzjoni li qed jagħmel.