Jirriżenja l-Assistent Kummissarju Tonna. Newsbook.com.mt kien ilu li wissa dwaru

L-Assistent Kummissarju Mario Tonna bagħat l-ittra tar-riżenja mill-Korp tal-Pulizija u skont it-Times of Malta, din ġiet aċċettata mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Jidher li Tonna rriżenja wara rapport li għamlet is-sieħba tiegħu, fit-28 ta’ Diċembru, fl-Għassa tal-Pulizija u li fih allegat li reġa' refa’ jdejh fuqha. Dan ġie rrappurtat ilbieraħ fil-ġurnal in-Nazzjon.
Fi Frar tas-sena li għaddiet, Newsbook.com.mt kien irrapporta dwar “każ ta’ vjolenza domestika minn membru tal-Korp fuq is-sieħba tiegħu.” Illum Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li dan kien Mario Tonna.
Dak iż-żmien, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ċaħad li sar xi rapport.
Skont sorsi li kienu tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, l-allegat każ kien seħħ fi żmien is-summit informali tal-Unjoni Ewropea li sar f’Malta u li waqt il-ġlieda, l-uffiċjal tqattagħlu l-ġlekk li l-Pulizija kellhom jilbsu għal din l-okkażjoni.
Tant hu hekk li li Mario Tonna kellu joħroġ bis-sick leave għax ma kellux uniformi biex jidħol għax-xogħol.
Skont in-Nazzjon tal-bieraħ, Mario Tonna ta daqqa ta’ ras lis-sieħba tiegħu ġo mneħirha.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Tonna xellef difru mal-ġustizzja.
Fost affarijiet oħra, fl-2011, hu kien instab ħati li intimida u wera nuqqas ta’ rispett lejn wieħed mis-superjuri tiegħu.
Tonna ingħata promozzjoni biex isir Supretendent fl-2015 u nħatar bħala Assistent Kummissarju f'Ġunju li għadda.