Jirriżenja l-Ambaxxatur Malti għall-Finlandja għax qabbel lil Merkel ma’ Hitler

Aġġornat 09:43 PM

Read in English.

L-Ambaxxatur Malti għall-Finlandja Michael Zammit Tabona rriżenja wara li qabbel lil Markel ma’ Hitler fuq post fuq Facebook.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kien irrapurtat jgħid li l-Ambaxxatur irriżenja u Malta mistennija li tibgħat ittra ta’ apoloġija lill-Ambaxxata Ġermaniża f’Malta.

Fi stqarrija tard il-Ħadd filgħaxija, il-Gvern ikkonferma r-riżenja ta’ Zammit Tabona li fl-aħħar sitt snin serva bħala Ambaxxatur (mhux residenti) ta’ Malta għal Finlandja.

Ilbieraħ, Michael Zammit Tabona ppubblika post li fiha ddikjara hekk: “75 years ago we stopped hitler. Who will stop Angela Merkel? She has fulfilled hitlers dream! To control Europe”. Mal-gazzetta Times of Malta, il-Ministru qal li kif kien mgħarraf li l-Ambaxxatur kien ippubblika dan il-post, huwa talbu biex immedjatament ineħħi l-post minn Facebook.

Fl-istqarrija ingħad li waqt li laqa’ din ir-reżenja b’mod immedjat, il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li l-kumment tas-Sur Zammit Tabona fil-konfront tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ma jirraprezentax il-ħbiberija u r-rispett reċiproku bejn Malta u l-Ġermanja. 

Fi blogg fuq Newsbook.com.mt, il-Professur Arnold Cassola qal li Zammit Tabona ilu donatur tal-Partit Laburista minn żmien Alfred Sant.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sejjaħ dan l-aġir bħala “skorrett u ‘l bogħod minn kull komportament dinjituż li wieħed jistenna minn membru fil-korp diplomatiku”. Il-PN fakkar kif Zammit Tabona kien ġie magħżul direttament u fuq inizjattiva unika tal-Gvern Laburista minn barra l-korp diplomatiku ffurmat u ppreparat.

Intant, il-BBC qed jirrapporta b’mod prominenti l-aħbar tar-riżenja ta’ Zammit Tabona li nħatar bħala Ambaxxatur fl-2014

“Malta jistħoqqilha rappreżentanti tal-ogħla kredibiltà” – il-Kamra tal-Kummerċ

Filwaqt li laqgħet din l-aħbar, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li kummenti bħal dawn jagħmlu biss ħsara lil pajjiż.

B’reazzjoni għar-riżenja tal-Ambaxxatur, il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet din l-aħbar u qalet ukoll li dawk kollha li jirrappreżentaw lil pajjiż għandhom iqisu sew dak li jgħidu qabel jesprimu lilhom infushom.

Il-Kamra qalet ukoll li governanza tajba tistenna li jkun hemm standards etiċi, professjonali u diplomatiċi għoljijn mill-Ambaxxaturi. Temmu jgħidu li l-pajjiż jistħoqqlu li jkollu rappreżentanti tal-ogħla kredibiltà biex jattiraw fiduċja qawwija fl-interess ta’ Malta.