Jirriżenja kunsillier Nazzjonalista ieħor

Il-kunsillier Nazzjonalista, Joseph Vella, irriżenja mill-kunsill biex issa sar kunsillier indipendenti, hekk kif il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar tilef il-maġġoranza Nazzjonalista.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Vella, li kkonferma r-riżenja tiegħu, wara li ġiet irrappurtata wkoll fuq il-blogg ta’ Franco Debono. Vella ma riedx jagħti raġuni lil Newsbook.com.mt dwar ir-riżenja tiegħu.
Fl-aħħar ġimgħat irriżenjaw tliet kunsilliera Nazzjonalisti minn dan il-kunsill, bl-ewwel wieħed ikun David Thake bir-raġuni tkun għax ma jaqbilx mal-kap, Adrian Delia.
Warajh irriżenja Robert Piscopo għax skontu l-kunsill inħataf minn persuna waħda bil-barka ta’ Delia. Ir-riferenza kienet għas-Sindku stess, Graziella Galea, li tiġi bint Ċensu Galea, li huma fl-Eżekuttiv tal-PN it-tnejn li huma.
Dil-ġimgħa s-Sindku qalet fi stqarrija li Piscopo qatt ma ried jaħdem magħha, u hawnhekk issemmi lil Vella, li skontha ħadmu flimkien biex ixekklu l-ħatra ta’ tliet impjegati ġodda fil-kunsill.
Jumejn wara, jiġifieri dalgħodu, l-istess Vella bagħat l-ittra tar-riżenja lis-Segretarju tal-Kunsill, Elke Sghendo.
B’hekk il-kunsill issa għandu ħames kunsilliera Nazzjonalisti, waħda minnhom is-sindku, sitta Laburisti, u tnejn indipendenti.
Ritratt: Facebook