Filmati: Jirriżenja Mizzi; Cardona jissospendi lilu nnifsu

Aġġornat 05:12 PM

Read in English.

Dr Konrad Mizzi għadu kif irriżenja minn Ministru tal-Gvern, filwaqt li Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu. Dan wara l-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu f’Kastilja.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li meta bagħtu għalih il-Pulizija, Chris Cardona kien cautioned, jiġiferi mwissi li kulma jgħid jista’ jintuża kontra tiegħu.

Il-PL dwar Chris Cardona

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li b’effett immedjat Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista. L-istqarrija tgħid ukoll li din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lill-Mexxej u lill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista. Il-PL kompla jgħid li d-deċiżjoni ttieħdet “biex ma jkun hemm xejn li jxekkel lill-Partit Laburista milli jkompli l-ħidma tiegħu favur il-pajjiż”. Saħqu li filwaqt li m’għandu assolutament l-ebda rabta mal-każ, Chris Cardona qed jagħmel dan sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet u l-proċeduri li għaddejin bħalissa.

Din id-deċiżjoni ttieħdet biex f’dan il-mument ma jkun hemm xejn li jxekkel lill-Partit Laburista milli jkompli l-ħidma tiegħu favur il-pajjiż.

Ftit tal-ħin ilu quddiem il-Qorti, Konrad Mizzi qal lill-ġurnalisti biex jistennew wara li tiġi fi tmiemha l-laqgħa tal-Kabinett.

Il-Prim Ministru ħareġ minn Kastilja qalb storbju u għajat u ma tax kummenti lill-ġurnalisti. L-uffiċjali tas-sigurtà daħħluh mill-ewwel fil-karozza.