​Jirriżenja d-Direttur Ġenerali tal-NSO

Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) Reuben Fenech irriżenja.
Fi stqarrija, l-Awtorità Maltija għall-Istatistika ħabbret li appuntat lid-Direttur tal-NSO Etienne Caruana bħala Aġent Direttur Ġenerali mil-lum. Intqal li dan sar biex tiġi assigurata l-kontinwità qabel ma jibda l-proċess biex jiġi maħtur Direttur Ġenerali ġdid.
Newsbook.com.mt tkellem ma' Fenech, li qal li rriżenja sabiex jgħaddi għal sfidi ġodda f'ħajtu.
Sostna li d-deċiżjoni kienet kollha kemm hi tiegħu, u ma kien hemm ebda pressjoni biex jagħmel hekk.
Fakkar li fis-sentejn u nofs kemm kien ilu direttur, flimkien mal-bord inġiebu bidliet fl-uffiċċju sabiex jibqa' relevanti għas-soċjetà kontemporanja.
Sejħa għal din il-pożizzjoni mistennija toħroġ fil-futur.